Created on 19 December 2019 by joseph.e.caruana@gov.mt

Il-proġett jiffoka fuq il-kreazzjoni ta’ kontenut oriġinali u artistiku permezz ta’ kollaborazzjoni bejn żewġ artisti Isaac Warrington u Alessio Cuschieri. Imsemmi b’mod suġġestiv ‘Agħti Kbir Alla’ għaliex jesplora l-identità Maltija permezz ta’ idjosinkrasiji kulturali tipiċi lokali u jiżvela aspetti spiritwali, psikoloġiċi u soċjali integrati fix-xena lokali Maltija.
Barra minn hekk, tittratta wkoll kwistjonijiet eżistenzjali u xi kultant assurdi relatati mal-paradigma kontemporanja, iddettati minn konsumeriżmu eċċessiv u kapitaliżmu espress fi żvilupp żejjed, sfruttament u konsum tal-massa.
Il-Kontenut viżwali ser jinkludi viżjonijiet distopiċi, juri konnotazzjonijiet kważi-newrotiċi li jinfluwenzaw lis-soċjetà u l-paradigma kontemporanja tagħna. It-tqabbil u l-ikkuntrastar tan-narrattivi kulturali jiżvelaw ukoll stramberiji tipiċi li jduru madwar l-istat kurrenti tal-kuntest Malti ikkaratterizzat mill-kostruzzjoni, prattiċi sagri u reliġjużi kif ukoll id-djalogu ambjentali. Fi ħdan dawn ir-rakkonti viżwali, wieħed isib diversi referenzi reliġjużi u spiritwali ipparagunati permezz t’installazzjonijiet innovattivi, immaġini esperimentali, u tpinġijiet.
Il-proġett jilħaq il-qofol tiegħu permezz tal-wirja ta’ għażla ta’ xogħlijiet produċuti miż-żewġ artisti mill-perspettivi u l-prattiċi kreattivi tagħhom. Il-kuratur tal-kontenut artistiku huwa Roderick Camilleri u ser ikun esebit ġo Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta fi Frar 2020.
Dati: Il-Ġimgħa, 28 ta’ Frar – il-Ħadd, 29 ta’ Marzu 2020
Post: Spazju Ċ, Spazju Kreattiv
Dħul b’xejn