Heritage Malta

Heritage Malta

Created on 07 November 2017 by admin

Heritage Malta logo

Il-missjoni ta’ Heritage Malta hija li tara illi dawk l-elementi ta’ wirt kulturali fdati f’idejha huma mħarsa u aċċessibbli għall-pubbliku. L-Aġenzija taħdem ukoll mad-Diviżjoni tal-Konservazzjoni għat-taħriġ tal-konservaturi u tax-xjenzati tal-konservazzjoni.

Heritage Malta hija l-aġenzija nazzjonali għall-mużewijiet, il-prattika tal-konservazzjoni w l-wirt kulturali. Stabbilita mill-Att li jirregola l-Wirt Kulturali li ġie ppromulgat fl-2002, l-aġenzija nazzjonali  ħadet post dak li qabel kien id-Dipartiment tal-Mużewijiet.

Fil-bidu Heritage Malta kienet responsabbli għat-tmexxija tal-mużewijiet, tas-siti u tal-kollezzjonijiet tagħhom. Madanakollu fl-2005, ir-responsabbiltajiet tal-Aġenzija kibru meta ħadet f’idejha dak li qabel kien iċ-Centru għar-Restawr f’Malta sabiex saret it-tieni aġenzija nazzjonali responsabbli għall-konservazzjoni.

Heritage Malta tara illi tipprovdi lill-udjenzi diversi tagħha esperjenza tajba meta jżuru d-diversi siti u mużewijiet. Il-wirt kulturali jservi ta’ katalist għal-potenzjal tat-turiżmu f’Malta u għaldaqstant jikkontribwixxi b’mod siewi għall-ekonomija.

L-aġenzija għandha sezzjoni speċifika għall-edukazzjoni bi programmi edukattivi speċjali li jaraw illi jolqtu tfal ta’ etajiet differenti bħala parti miż-żjajjar skolastiċi organizzati.  Dawn il-programmi huma bbażati fuq il-kurrikulu edukattiv lokali u jindirizzaw żoni speċifiċi ta’ studju f’approċċ ta’ tagħlim u logħob.

Heritage Malta hija wkoll impenjata li twassal il-kultura eqreb lejn in-nies billi tiffaċilita l-interpretazzjoni u l-aċċessibilità, kemm fiżika w intellettwali. Kemm jekk permezz ta’ wirjiet temporanji, taħditiet pubbliċi, mixjiet kulturali jew avvenimenti speċjalizzati oħra, l-aġenzija tara illi jitwettaq il-motto ta’ Heritage Malta li jkun żgurat il-ġejjieni għall-imgħoddi tagħna.

IS YOUR BUSINESS, ORGANISATION, SHOP, OUTLET OR VENUE LISTED IN SPOT?-

ADD YOUR VENUE

Listing are free and can promote your efforts to make your venue accessible to all.