Created on 07 November 2017 by admin

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) twaqqfet formalment mill-Att dwar is-Servizzi tal-Ivvjaġġar u tat-Turiżmu għal Malta (1999). Dan jiddefinixxi b’mod ċar ir-rwol tagħha – u jieħdu lil hinn minn dak tal-marketing internazzjonali sabiex jinkludi rwol domestiku, motivazzjonali, direzzjonali, koordinattiv u regolatorju. L-Att isaħħaħ is-sħubija bejn is-settur pubbliku u dak privat fit-turiżmu permezz ta’ parteċipazzjoni ikbar u iktar diretta mis-settur privat fl-ippjanar u l-iżvilupp nazzjonali fl-industrija.
Il-missjoni tal-MTA hija li tmexxi ‘l quddiem l-attività ekonomika u soċjali tat-turiżmu fl-interess nazzjonali, billi taħdem mal-partijiet interessati kollha biex tiżviluppa industrija sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri.
Il-viżjoni tal-MTA hija li tara li s-settur tat-turiżmu għall-Gżejjer Maltin ikun b’saħħtu, sostenibbli u ekwu, li jattira influssi regolari ta’ viżitaturi ta’ kwalità matul is-sena minn firxa differenti ta’ swieq, filwaqt illi tara li dawk li jagħżlu d-destinazzjoni tagħna ikunu servuti b’professjonalità u kura.